Infittxu t-Tifkiriet - fuq il-personaġġi ta' Dun Mikiel Xerri, San Ġorġ Preca u Dun Karm Psaila




F'Malta għandna tlett personaġġi li kienu qassisin, li ħallew impatt fuq l-istorja. Dawn kienu Dun Mikiel Xerri, Dun Karm Psaila u San Ġorġ Preca.


Dun Mikiel Xerri kien patrijott Malti li twieled fl-1737 f'Ħaż Żebbuġ. Huwa kien fetaħ skola għal nies li ma kellhomx flus biex iħallsu l-iskola għax fl-imgħoddi, l-edukazzjoni ma kinitx b'xejn. Meta laħaq professur fl-Universita` ta' Malta, Dun Mikiel Xerri għamel żmien joqgħod il-Belt Valletta. Infatti llum mal-faċċata tad-dar fejn kien jgħix, insibu rħama bil-kliem jgħid li kien jgħix ġo fiha Dun Mikiel Xerri.
















Dun Mikiel Xerri għex fiż-żmien tat-tmexxija tal-Kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann, pero fl-1798, il-Franċiżi keċċewhom. Il-Franċiżi bdew jisirqu l-aktar affarijiet prezzjużi mill-knejjes tagħna u ġabu ħafna iktar faqar u ġuħ. Għalhekk Dun Mikiel Xerri, flimkien ma' Maltin qalbiena oħra, ħasbu għal pjan biex iqumu kontra l-Franċiżi u jkeċċuhom. Pero l-pjan inkixef u Dun Mikiel Xerri flimkien ma' xi erbgħin Maltin oħra, ġew xkubettati fil-Pjazza ta' quddiem il-Palazz fil-Belt Valletta fl-1799. L-aħħar kliem ta' Dun Mikiel Xerri kien Viva Malta. Fil-Belt Valletta llum hemm monument li jfakkar din il-ġrajja.