Ir-raġel tas-silġ



Kien il-Ġimgħa tard billejl u ksaħt għalkemm kont mgħottija b'ħafna kutri. Qomt u x'ħin ittawalt mit-tieqa rajt kullimkien abjad miksi silġ. Rajt ir-raġel tas-silġ li kienet bniet oħti l-kbira u allura jiena tħajjart nagħmel wieħed ukoll. Ilbist skufja, ġakketta ħoxna u xalla li fuqha għanda qlub blu.

Mort fil-bitħa u bdejt nagħmel wieħed bħalu kbir u sabiħ, imma minflok ċagħaq għamiltlu biċċiet tal-faħam u minflok karrotta għamiltlu għenba. Meta mort biex nidħol fis-sodda bdejt nisma' vuċi tgħajjat ismi. Dlonk mort biex niċċekja min qed jgħajjatli u ntbaħt li l-leħen ferrieħi kien ġej minn ġol-bitħa. Meta ħriġt fil-bitħa indunajt li ir-raġel tas-silġ kien qed jgħajjatli!

Huwa qalli li jismu Ben u qalli wkoll biex jekk irrid nilgħab miegħu. Jiena ħtaftu fil-kelma u għidtlu iva! Bdejna nilagħbu noli imma wara ftit minuti beda jaqbadni n-nagħas allura għidtlu li għandi bżonn immur norqod. Huwa ma ħax pjaċir għax kont se nidħol pero' qalli biex jekk inkun irrid nerġa noħroġ nilgħab miegħu ma naħsibhiex darbtejn.