Ġest sabiħ li għamilt ma' xi ħadd li qiegħed ibati fi żmien ir-Randan.



Ir-Randan huwa żmien fejn niftakru meta Ġesu` għadda minn tbatija li wasslitu għal mewt fuq is-salib. Għalhekk f'dan ir- Randan, jiena għamilt ġest sabiħ ma' persuna li qegħda tbati. Sfortunatament ftit ġimgħat ilu, missieri miet ħabta u sabta. Minħabba f'hekk ommi u jiena għaddejjin minn tbatija, allura bħala ġest sabiħ, jiena rajt kif ħa nkun ta' sapport għal l-għażiża ommi. Il-ġest li qed nagħmel m'ommi huwa li nara li nkun hemm għaliha billi nismagħa u nuriha li mhiex weħidha. Kull darba li nagħmel dan il-ġest sabiħ m'ommi, jiena nħossni kuntenta.

Bħala nsara, fir-Randan għandna naraw li nagħmlu iktar ġesti sbieħ, speċjalment ma' min qiegħed ibati. Nisrani tajjeb għandu jobdi iktar lil ġenituri u billi jżomm iktar paċi minflok ma noqgħodu niġġieldu.

Ġesu ta' spiss kien jgħin lil min kien qiegħed ibati. Fil-Bibbja nsibu meta Ġesu` fejjaq mara u qajjem tifla mill-mewt. Din il-mara kienet ilha ħafna snin tbati bit-tnixxija tad-demm, u hija resqet lejn Ġesu` u messitlu t-tarf tal-libsa għax emmnet li jekk tmiss il-libsa ta' Ġesu`, hija tfieq. Ġesu` lemaħha u fejjaqha. Imbagħad kien hemm wieħed mill-kapijiet u nxteħet f'riġlejn Ġesu` u qallu li kienet għadha kemm mietet bintu. Hu riedu jqiegħed idejh fuqha u hi terġa tgħix. Ġesu` ra t-tbatija fir-raġel u mar iqajjem lil bintu mill-mewt.

Bil-ġest sabiħ li għamilt, ħaddimt kwalitajiet bħal nwassal il-ferħ u l-imħabba lil ħaddieħor. Jiena mlejt ukoll lil ommi b'kuraġġ u anki faraġ biex tkompli tħares 'il quddiem fil-ħajja. B'din l-esperjenza tgħallimt li fil-ħajja mhux ferħ biss hemm imma anki tbatija. Tgħallimt ukoll li fejn hemm it-tbatija, hemm ukoll ħafna imħabba.