Il-Ħanut tal-Maġija u l-Bużulotti





Kien is-Sibt wara nofsinhar u ommi riedet taħsel l-art, biex ma noqgħodx nagħmillha passi. Jien iddeċidejt li mmur dawra bir-rota. Ma kontx naf għal fejn sejra u rħejtilha għal għonq it-triq. Kien wara nofsinhar u t-toroq kienu vojta u jien tgħidx kemm dort f'toroq dojoq. F'ħin minnhom ilmaħt ħanut żgħir b'xi pupi antiki fil-vetrina żgħira li kellu fil-ġenb.








Il-kurżita' għelbitni, tlaqt ir-rota mal-art u ersaqt lejn il-ħanut. Il-ħġieġ kien imtappan u msaħtu ftit b'idi biex nipprova nara x'kien hemm ġewwa. Mal-bieb kien hemm tabella li kienet tgħid "Il-Maġija ma tieqafx u jien ma nagħlaqx". Minn ġol-ħġieġ rajt xwejjaħ jagħmilli sinjal biex nidħol u bla ma ħsibtha darbtejn, ftaħt il-bieb tal-ħanut u dħalt. Jien bqajt mistgħaġba meta rajt dawk il-marjonetti kolla mdendlin mas-saqaf.





Sid il-ħanut kellu tbissima li tiġbdek u bqajt b'ħalqi miftuħ meta staqsini "Jogħġbok xi ħaġa, Giulia?" "Dan kif jaf x'jisimni" għedt bejni u bejn ruħi, imma mill-ewwel indunajt li mal-basket li kelli wara dari kelli miktub ismi, għax ommi kienet ħitituli apposta biex ma nitilfux.


Ġibt għajnejja wara widnejja, x'ħin bdejt indur il-ħanut. Kien hemm xemgħat li ma jintfew qatt, mantelli u kpiepel to kull tip u għamla, karti tal-logħob u ħafna affarijiet oħra. Wara purtiera sewda kien hemm ħafna mirja u minn ġo kull waħda tara lilek innifsek differenti, min twil, min qasir, fejn rajtni qisni baga u oħra rajtni niexfa għuda, tgħidx kemm dħakt waħdi.


Dan ix-xwejjaħ dħuli beda jurini xi logħob bil-karti tal-logħob u jien mill-ewwel interessajt ruħi u tlabtu biex jgħallimni ħalli nkun nista' nieħu pjacir nippruvahom fuq ħuti u sħabi. Dawn żgur li qatt ma kienu se jaqtgħu kif irnexxieli nkun naf liema karta għazlu, dan ma kien xejn ħlief ħeffa tal-idejn u qerq tal-għajnejn.






Jien ħrigt mill-ħanut bil-pakett tal-karti f'idi naħseb f'min setgħa kien l-ewwel vittma tiegħi.