Il-Magna taż-Żmien
Kienet ġurnata sabiħa tar-rebbiegħa, jiena u l-familja tiegħi ddeċċidejna li mmorru naraw xi wirjiet tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Dakinhar kienet Ħamis ix-Xirka u għalhekk kienet idea tajba biex nidħlu iktar fl-ispirtu tat-tbatija ta' Ġesu'.
Meta konna qegħdin il-Birgu, aħna dħalna ġo sala kbira mimlija vari ta' kull għamla li kont titgħaxxaq tħares lejhom. F'rokna fis-sala kien hemm bieb żgħir magħluq b'purtiera sewda. Fuqha kien hemm tabella bil-kliem "Tidħolx". Jien għelbitni l-kurżita' u x'ħin rajt lill-ġenituri tiegħi aljenati jħarsu lejn il-vari, ersaqt inkiss inkiss u dħalt wara l-purtiera.
Sibt ruħi f'kamra ċkejkna u mudlama. Quddiemi kien hemm diversi buttuni kkuluriti. Bla ma qgħadt naħsibha darbtejn, jien għafast l-ewwel buttuna. Kollox beda jdur bija u f'ħabta u sabta sibt ruħi mitluq mal-art. Ħarist lura u nara ġemgħa nies riesqa lejja. Ħassejtni mfixkel għax ħlief nies jibku ma bdejtx nara. Qalbi għamlet tikk , hekk kif żewġ suldati lebsin bħal tal-vari, resqu lejja u ordnawli nersaq min-nofs. Ma ridtx nemmen lil għajnejja, hekk kif quddiemi rajt lil Ġesu' għaddej bis-salib. Kien mimli demm u fuq rasu kellu kuruna tax-xewk. Malajr irrealiżżajt li dik il-kamra mudlama kienet magna taż-żmien. Inħsadt hekk kif suldat li kien viċin tieġħi għajjat lil wieħed raġel u ordnalu biex jgħin lil Ġesu' jġorr is-salib. Dak kien Xmun iċ-Ċirinew. Is-suldati bdew isawtu lil Ġesu'. Bil-biża', l-ġħaraq beda jxoqq għalija. Kemm xtaqt ngħinu. Is-suldat li beda jsawwat lil Ġesu' imbuttani għall-ġenb tat-triq. Ħassejtni nintilef minn sensijja, hekk kif erġajt rajt lis-suldat riesaq lejja. Eżatt bdejt nisma' lil ommi tgħajjatli mill-bogħod u ħassejt lil xi ħadd jiġbidni minn idejja. F'daqqa waħda erġajt sibt ruħi fis-sala tal-vari u quddiemi kien hemm il-ġenituri tiegħi, li mill-ħarsa tagħhom indunajt li kellhom qatgħa kbira fuqhom.
Aħna u sejrin lura d-dar, jien pruvajt nirrakonta dak li għadda minni. Qaluli li moħħi dejjem kien ħsiebu fil-ħmerijiet. Naħseb ma kienx il-mument ideali biex nirrakonta dak li għaddejt minnu.