Ir- Robot


Xi sena ilu, kont qiegħed fl-għalqa tan-nannu nikteb poeżija, meta bdejt nisma' ħoss ġej mill-ħaxix li kien hemm warajja. Għall-ewwel bdejt nibża' imma mbagħad għamilt il-kuraġġ u ersaqt lejn il-ħaxix.


Daħħalt idi fil-ħaxix u hemmhekk rajt robot. Deher għajjien mejjet għax beda jiċċaqlaq bil-mod ħafna. Dan ir-robot kien kulur id-deheb imma kien maħmuġ ħafna għax kellu ħafna ħamrija miegħu u kellu naqra sadid ukoll. Jien ħadtu d-dar, imsaħħtu sew u biddiltlu l-batteriji u semmejtu Ġorġ. F'daqqa waħda, Ġorġ beda jitkellem u qalli li hu kien mill-Ġappun u li kellu madwar tmenin sena. Ġorġ qalli li hu kien waqa' minn ġo ajruplan tat-Tieni Gwerra Dinjija. Hu beda jirrakonta fuq il-gwerra u qalli li f'Malta waqgħu ħafna bombi u li ħafna nies kienu mietu. Lil Ġorġ, jien bdejt nieħdu miegħi kullimkien u għamel ħafna ħbieb.


Jiena nraqqad lil Ġorġ fil-kamra tiegħi. Kull filgħaxija qabel norqod, Ġorġ joqgħod jgħidli fuq l-avventuri tiegħu li xi ftit minnhom jibdew mis-sena 1945. Jiena nħobbu ħafna lil Ġorġ u nixtieq li jibqa' miegħi għal dejjem.