Il- magna taż-żmien



Is-Sibt li għadda sebħet ġurnata sabiħa u flimkien ma' sħabi Amy u Alessandra, iddeċidejna li mmorru ħarġa fil-kampanja. Għalhekk qomna kmieni filgħodu u rħejnielha lejn il-Buskett.


Wara sagħtejn mixi, qabadna l-ġuħ u Alessandra rat għalqa abbandunata. Meta wasalna hemmhekk, qgħadna daqsxejn bilqiegħda. Ftit wara, Amy rat din il-magna stramba b'ħafna buttuni u għafset waħda minnhom.


Kif wasalna kien hemm dawl qawwi u u sibna ruħna ġo spazju enormi f'forma ta' ġbejna kbira tal-ħġieġ. Fih kien hemm irqajja b'siġar ta' kuluri u għamliet differenti.


In-nies kienu qed jgħaddu minn ħdejna fuq speċi ta' hoverboards żgħar imwaħħla mal-ħwejjeġ strambi tagħhom u kienu qed jikkomunikaw bis-sinjali. Kien hemm skiet perfett ħlief għat-tisfir żgħir ġej mill-hoverboards jew minn robots qishom annimali li kienu qed iduru ma' kullimkien.


Qgħadna nesploraw ftit dal-post interessanti sakemm ilmaħna l-magna li kienet ġabitna hawnhekk. Bla ħsieb jien erġajt għafast il-buttuna li ħaditna lura fl-għalqa minn fejn ġejna.