JIEN TRIQ IR-REPUBBLIKA
Bla ebda dubju u mhux biex niftaħar jiena l-isbaħ triq li hawn f'Malta. Żgur li jiena l-għira ta' ħafna toroq ta' madwari, mhux biss għax magħmula dritta u wiesgħa imma wkoll twila madwar kilometru.
Minn kmieni filgħodu tara n-nies għaddejjin mgħaġġlin għax-xogħol tagħhom u f'kemm illi ngħidlek mad-disgħa ta' filgħodu jien nkun maħnuqa bin-nies. Kulħadd ħerqan biex jixtri mill-varjeta' ta' ħwienet tal-ħwejjeġ, żraben, ristoranti u ħafna oħrajn.
Barra minn hekk jien popolari ħafna mat-turisti. Għandi bini importanti bħall-Parlament, it-Teatru l-Imwaqqa', il-Qorti ta' Malta, il-Palazz tal-Granmastru u oħrajn. Kemm inħossni kburija meta t-turisti jeħduli r-ritratti biex imbagħad jurini lill-qrabathom f'pajjiżhom.
Xħin tinżel ix-xemx taqa' ħemda kbira fija. Kultant tara xi grupp ta' nies għaddejjin biex imorru f'xi ristorant li ssib fija. Dak il-ħin jiena niġi mnaddfa, ħalli żgur nibqa' l-isbaħ triq f'Malta. Ġeneralment mal-lejl il-ħsibijiet u r-rikordji tiegħi jaqgħu fi żmien il-Kavallieri ta' San Ġwann u t-Tieni Gwerra Dinjija.
Kemm hu għal qalbi żmien il-Milied u l-Karnival! Nitpaxxa narani mżejna b'tiżjin ta' bozoz u karrijiet kollha kuluri. L-għaxqa tiegħi hija x'ħin nara t-tfal bi tbissima fuq wiċċhom.
Dan huwa l-aqwa żmien għalija għax m'għadniex nara ġlied madwari. Ma nista' nbiddel xejn f'ħajti bħalissa għax naf li jien importanti u żgur maħbuba minn ħafna nies.