IT-TRIQ FEJN NOQGĦOD
It-triq fejn noqgħod hi Triq Anġlu Gatt. Anġlu Gatt kien bennej li ħa sehem fil-bini tar-Rotunda tal- Mosta. It-triq tiegħi hi moderna , wiesgħa u twila. Fiha joqogħdu madwar tletin familja.
Fit-triq tiegħi hemm ħafna djar u garaxxijiet. Hemm ukoll xi ħwienet bħal Bake Off u Godfrey tal-ħaxix. Godfrey huwa ħabib tiegħi. Meta mmur m'ommi nixtru mingħandu huwa jagħtini xi frotta. Kemm nidħak meta nisimgħu jgħajjat b'ħanxra daqsiex, "Qarabagħli, ejjew għall-qarabagħli". Fit-triq tiegħi joqogħdu wkoll xi tfal li jiġu l-iskola tiegħi.
Il-ġirien fit-triq tiegħi huma magħqudin. F'okkazjonijiet bħall-Milied, il-festa tar-raħal u l-Halloween inżejnu l-biċċa tat-triq tagħna. Anke fi żmien il-Covid konna għamilna l-bandiera Maltija fil-gallariji. Nħobbu wkoll nagħmlu festini fit-triq tagħna speċjalment fl-lejlet l-Ewwel tas-sena.
Barra minn hekk, il-ġirien huma wkoll qalbhom tajba. Darba l-qattus tiegħi Charlie qabeż fuq bejt tal-ġara. Dak iż-żmien il-ġara tagħna kienet imsiefra. Ma stajtx inħalli lil Charlie hemm. Xi ġirien għenu lil missieri billi ġabu sellum twil u b'hekk missieri seta' jġib lil Charlie. Kemm fraħt x'ħin rajt lill-qattus qawwi u sħiħ.
Jiena ferħan ħafna li noqgħod f'din it-triq b'ġirien tant qalbhom tajba. L-iktar li nħobb hu meta nagħmlu l-festini fit-triq u noqgħod nilgħab mat-tfal tat-triq bl-iskuter.