Il-Milied f'Malta
Festa mistennija ħafna minna l-Maltin li jħaddnu r-reliġjon Nisranija hija l-festa tal-Milied. Niċċelebraw din il-festa fil-25 ta' Diċembru u f'dan iż-żmien niftakru meta twieled Ġesu' Bambin fostna.
Din il-festa ġġib magħha diversi tradizzjonijiet. Fosthom insibu l-purċissjoni bil-Bambin li bdiha San Ġorġ Preca. Din il-purċissjoni ssir f'lejlet il-Milied minn tfal u adulti li jduru mat-toroq tar-raħal bl-istatwa ta' Ġesu' Bambin u jkantaw għanjiet tal-Milied. Popolari hi wkoll il-quddiesa ta' nofsilejl u anke l-prietka tal-Milied.
F'dawn iż-żminijiet ma jonqosx it-tiżjin fid-djar u t-toroq. Narmaw is-siġra tal-Milied b'ħafna dawl. Nagħmlu l-Bambin bil-ġulbiena madwaru u anke l-presepju bil-pasturi. It-tfal f'lejlet il-Milied jkunu ħerqana jistennew lix-XIħ tal-Milied ġej bir-rigali. Drawwa li bil-mod il-mod qed tispiċċa hi li nwasslu l-awguri tagħna permezz tal-kartolini. Dawn l-awguri llum il-ġurnata qed jitwasslu b'mod elettroniku.
F'jum il-Milied ħafna familji jingħaqdu għall-ikla ta' nofsinhar fejn l-iktar ikel popolari huwa d-dundjan. Ikel tradizzjonali ieħor hu l-qagħaq tal-għasel, l-imbuljuta tal-qastan u l-pudina tal-Milied. F'dawn iż-żminijiet ħadd ma joqgħod lura mill-ikel!
Dawn it-tradizzjonijiet jgħinuna biex ingawdu u jżommuna fl-ispirtu tal-Milied. Imma l-iktar ħaġa mportanti hi li ngħixu magħqudin ilkoll bħala familja waħda mingħajr mibgħeda.
IL-MILIED IT-TAJJEB LIL KULĦADD!