DAKINHAR LI MORT IS-SUQ MAN-NANNIET

L-Erbgħa li għaddew irqadt għand in-nanna għax in-nannu wegħdni li kien se joħodni s-suq. Kien għadu qed ibexbex meta stenbaħt. F'radda ta' salib ilbist u tlaqna għal għonq it-triq.


Konna naħseb kmieni wisq għax ftit li xejn kien hemm nies. Xi bejjiegħa kienu għadhom qed jarmaw it-tilari bil-ħwejjeġ, żraben, basktijiet u ħafna affarijiet oħra. F'daqqa waħda smajt ħorn qawwi. Kien il-vann tal-bejjiegħ tal-pastizzi. Ġiet riħa taqsam u ħarist bil-ħniena lejn in-nannu. F'ħakka t'għajn sibt żewġ pastizzi ġo borża f'idejja. In-nanna kienet mitlufa itaqtaq ma' tal-ħaxix, għalhekk poġġejt bilqiegħda fuq bank u kilt il-pastizzi. Niżluli għasel!


Kellu jwaqqafha n-nannu, għax kieku hemm konna nibqgħu. Is-suq beda jintela' ġmielu bin-nies u xi bejjiegħa bdew jgħajtu b'ħanxra daqsiex biex ibiegħu l-affarijiet li kellhom. In-nannu waqaf fejn tal-għodda. Kellhom żmien fuqhom daqs ħarruba imma n-nannu nteressa ruħu mhux ftit fihom. In-nanna għajtitli biex turini x-xugamani li kienet qed tagħżel. Eżatt rajt bejjiegħ tal-kotba u tirt ħdejh. In-nanna xtratli żewġ kotba. Kont se ntir bil-ferħ.


Mn'alla n-nanna ġabet il-basket tar-roti għax malajr spiċċajna b'idejna mburġati bil-basktijiet. F'daqqa waħda bdiet ġejja l-għajja.


Bdejna mexjin bit-tlikki tlikki lejn id-dar. Kont ħadt ħafna pjaċir, imma kont qed inħossni bla saħħa. Intfajt fuq is-sufan u f'kemm illi ngħidlek marret għajnejja bija.