Niċċelebraw il-Milied
Fil-25 ta' Diċembru tiġi ċċelebrata il-festa tal-Milied ta' meta twieled Ġesu' Bambin. Ħafna familji jħobbu jiċċelebraw din il-festa miġburin mal-familja.
Kif jibda Diċembru, in-nies jibdew iżejnu djarhom. Jarmaw is-Siġra tal-Milied bid-dwal iteptep, blalen ikkuluriti u l-Ponsjetta. Fil-kalzetta tal-Milied ipoġġu r-rigali fiha. Fit-tieqa jpoġġu l-Ġesu' Bambin u jagħmlu l-ġulbiena. Il-presepju huwa wkoll wieħed mit-tiżjin popolari f' Malta.
Il-Belt Valletta tkun mimlija daqs bajda bin-nies jixtru r-rigali lill-familja u l-ħbieb. It-tiżjin fit-toroq tal-Belt jagħmel atmosfera sabiħa.
Fil-jum tal-Milied f' nofs il-lejl jkun hemm il-quddiesa tal-Milied bil-purċissjoni u l-priedka tat-tfal. Għall-ikla ta' nofsinhar, ħafna familji jippreparaw ħafna ikel tradizzjonali għall-familja kollha, bħal dundjan mimli, il-pudina u l-kejk tal-Milied. Wara l-ikel kulħadd jieħu gost jiftaħ ir-rigali li jkun irċieva.
Dan iż-żmien huwa ferm sabiħ għax huwa żmien ta' ħafna mħabba u jgħaqqad lill-familji flimkien.